Dwarna

“Insaħħu il-Vuċi tat-Tfal f’Malta” huwa proġett ko-finanzjat mill-Programm tal-UE għaċ-Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri (CERV). Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb il-parteċipazzjoni tat-tfal, jippermettilhom jesprimu l- fehmiet tagħhom liberament u jinfluwenzaw kwalunkwe deċiżjoni li se taffettwahom.

Dan il-proġett qed jiġi implimentat mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal (MSPC) b’kollaborazzjoni mal-University College Cork (UCC) u l-Kummissarju għat-Tfal f’Malta (CFC).

Għanijiet tal-Proġett

Ir-riżultati li dan il-proġett qed jimmira għalihom jinkludu titjib fil-kwalità tal- ħajja għat-tfal kollha f’Malta, opportunitajiet aħjar għat-tkabbir u l-iżvilupp tagħhom, u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni u l-vuċi tagħhom fi kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali. Il-proġett se jinvolvi lit-tfal f’kull pass u se jiġi implimentat b’konsultazzjoni sħiħa mat-tfal fl-istadji kollha tiegħu.

Il-Proġett “Insaħħu il-Vuċi tat-Tfal f’Malta” għandu 3 għanijiet ewlenin:

  1. L-iżvilupp ta’ pjattaforma ta’ parteċipazzjoni tat-tfal onlajn, disponibbli bħala website u app (Empowering Children App). Din il-pjattaforma se tipprovdi spazju sikur, inklużiv u sinifikanti għat-tfal biex jaqsmu l-ħsibijiet u l-ideat tagħhom u biex jipparteċipaw fit-tfassil tal-politika nazzjonali.

    Jipprovdi għajnuna professjonali permezz ta’ chat iddedikat. L-Empowering Children App se tipprovdi wkoll appoġġ lit-tfal l-aktar vulnerabbli li jesperjenzaw kwalunkwe forma ta’ esklużjoni soċjali, abbuż, negliġenza, u/jew diffikultajiet psikoloġiċi u li huma fil-bżonn ta’ appoġġ emozzjonali, morali u soċjali.

  2. Il-bini tal-kapaċità ta’ dawk li jfasslu l-politika biex jintegraw u jtejbu l-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan se jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ Toolkit uniku għall-Evalwazzjoni tal-Politika tat-Tfal, biex jintuża f’Malta u potenzjalment ukoll f’pajjiżi oħra.
  3. Titqajjem kuxjenza permezz ta’ kampanja ta’ għarfien dwar id-dritt tat- tfal li jipparteċipaw u jinstemgħu.

Impatt

Il-proġett se jsaħħaħ l-iżvilupp personali tat-tfal, il-kunfidenza fihom infushom, u l-ħila għal-ħsieb kritiku li jwassal għal involviment akbar fi kwistjonijiet soċjetali, ċiviċi u politiċi.

Kampanja ta’ għarfien se teduka lill-partijiet interessati, inklużi t-tfal, dawk li jfasslu l-politika, il-ġenituri u l-edukaturi, trawwem fehim u implimentazzjoni aħjar tal-parteċipazzjoni tat-tfal.

Il-proġett se jipprovdi l-ħiliet meħtieġa lill-uffiċjali pubbliċi biex jinkorporaw il-parteċipazzjoni tat-tfal fit-tfassil tal-politika, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jappoġġaw, jimmonitorjaw, u jevalwaw il-parteċipazzjoni tat-tfal.

Il-ħolqien ta’ Mekkaniżmu ta’ Parteċipazzjoni tat-Tfal online se jippermetti parteċipazzjoni tat-tfal b’ mod sistematiku u sinifikanti, u jipprovdi spazju biex it-tfal jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom.

It-Toolkit għall-Evalwazzjoni tal-Parteċipazzjoni tat-Tfal se jsaħħaħ il-kapaċità tal-beneficjarji ta’ dan il-proġett biex jevalwaw u jtejbu l-politiki tal-parteċipazzjoni tat-tfal, u jikkontribwixxi għal politiki aħjar kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali.

Il-proġett jallinja mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu stabbiliti u mtejba mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni tat-tfal u jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet tat-tfal permezz ta’ kampanji u taħriġ.

Il-Proġett Insaħħu il-Vuċi tat-Tfal f’Malta – impenn dejjiemi biex tingħata s-setgħa lit-tfal u jagħmlu l-vuċi tagħhom issir realtà.

Is-Servizz Online Kellimni.com

Kellimni.com hija pjattaforma 24/7 online sigura mmirata lejn nies li jeħtieġu appoġġ emozzjonali minn tim professjonali. Fuq Kellimni.com jistgħu jħossuhom sikuri biex jiftħu qalbhom dwar it-tħassib tagħhom permezz ta’ mezz li jafu u jifhmu, u fejn jistgħu jħossuhom li mhumiex waħedhom u li hemm xi ħadd li jimpurtah minnhom, u jimpurtah li ħajjithom tkun ħielsa mill-uġigħ u l-biża’. Fuq Kellimni.com aħna lesti li nisimgħu u nipprovdu assistenza billi nadottaw approċċ anonimu u kunfidenzjali.
In-natura tal-pjattaforma online tfisser li hija aċċessibbli għal kulħadd irrispettivament mill-pożizzjoni ekonomika jew soċjali tagħhom. Kellimni.com jilħaq nies li huma miċħuda mid-drittjiet tagħhom – partikolarment persuni li qed jesperjenzaw abbuż jew negliġenza, individwi b’kapaċità differenti; nies li l-familji tagħhom huma fi kriżi; nies li qed jiġu bullied minn sħabhom jew superjuri tagħhom; nies bi problemi ta’ dipendenza; persuni li qed jiġu diskriminati fuq bażi ta’ raġunijiet reliġjużi, razzjali jew sesswali; u dawk f’kunflitt mal-liġi.
Inħeġġu lill-persuna tesprimi t-tħassib tagħha u titkellem dwar il-kwistjonijiet li jolqtuha direttament. Kellimni.com joffri pjattaforma li permezz tagħha jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u d-drittjiet li ġejjin tal-utent tas-servizz:

  • Dritt li ssemmgħa t-tħassib tiegħek.
  • Dritt li tirrealizza d-drittijiet tiegħek.
  • Dritt li tkun mismugħ b’mod sigur u kunfidenzjali, u bla ġudizzju.
  • Ħteġa li tfittex appoġġ minn individwi kwalifikati.
  • Ħtieġa li tfittex informazzjoni dwar servizzi oħra disponibbli.
  • Ħtieġa li tirċievi appoġġ u informazzjoni fil-ħin.

    Is-servizz Kellimni.com joffri wkoll sezzjoni ta’ informazzjoni fuq il-website tiegħu fejn hemm bosta suġġetti relatati ma’ kwistjonijiet li n-nies jistgħu jkunu qed jesperjenzaw. Dawn huma aċċessibbli għal dawk li forsi ma jridux ikollhom aċċess għal appoġġ attiv iżda jistgħu jkunu qed ifittxu informazzjoni dwar kwistjoni li taffettwahom.

Scroll to Top